Id-Direttorat għall-Kwalità tas-Servizz, fi ħdan id-Diviżjoni dwar Nies u Standards, bħalissa qiegħed jimplimenta eżerċizzju ta’ mystery shopping permezz tal-proġett iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) Mystery Shopper – Enhanced Performance in the Public Administration. Il-proġett tal-Mystery Shopper għandu l-mira li jtejjeb l-esperjenza tal-klijenti tas-servizz pubbliku fl-Amministrazzjoni Pubblika kollha bil-mira li jinkiseb servizz ta’ eċċellenza.
Il-proġett tal-Mystery Shopper huwa għodda ta’ servizz ta’ kwalità li jaħdem b’mod parallel ma’ eżerċizzji oħrajn imnedija minn dan id-Direttorat, bħall-valutazzjonijiet tal-kwalità tas-servizz fid-dipartimenti. Permezz ta’ dawn il-proġetti, id-Direttorat jaspira lejn twettiq ta’ Servizz Pubbliku ċċentrat fuq il-klient, fejn kull dipartiment jiġi evalwat fi ħdan il-parametri ta’ 10 kriterji tal-kwalità tas-servizz kif definiti mill-qafas għall-ġestjoni tal-kwalità SERVQUAL. Id-Direttorat jipproduċi rapporti dettaljati bbażati fuq dawn l-għaxar Kriterji, u kontinwament jidentifika n-nuqqasijiet fis-servizz għall-klijent u jindirizzahom permezz ta’ interazzjoni siewja mal-fornituri rispettivi tas-servizz pubbliku. Il-pjan ta’ azzjoni li jindika t-triq ’il quddiem jiġi diskuss ma’ kull dipartiment li jsirlu eżerċizzju tal-Mystery Shopping. Il-proġett huwa ispirat u ggwidat mill-erba’ pilastri stabbiliti tal-kwalità tas-servizz: VUĊI, DISINN, PAKKETT u KONTABBILTÀ.
L-implimentazzjoni tal-proġett Mystery Shopper joħroġ fid-dawl is-servizz siewi li qed jiġi pprovdut minn ħafna impjegati tas-Settur Pubbliku fl-impenn tagħhom li jipprovdu servizz ta’ eċċellenza. Bil-klassifikazzjoni tad-dipartimenti tas-servizz pubbliku fejn il-pubbliku jinqeda b’mod kostanti, l-Amministrazzjoni Pubblika tkun tista’ tirrikonoxxi l-aħjar prattiċi li qed jiġu esposti, u taqsamhom ma’ oħrajn. Dan fetaħ ukoll possibiltajiet ġodda dwar dak kollu li jista’ jinkiseb meta l-partijiet kkonċernati kollha jingħaqdu u jaħdmu bħala tim lejn viżjoni waħda li tħaddan kollox – dik li jinkiseb Servizz ta’ Eċċellenza.
F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea għażlet dan il-proġett iffinanzjat mill-FSE bħala storja ta’ suċċess għall-2020 fost l-istati membri l-oħra tal-UE.
Din il-kisba prestiġjuża tenfasizza l-importanza tal-istrateġija tal-Amministrazzjoni Pubblika għall-provvista ta’ Servizz ta’ Eċċellenza.
L-impenn ta’ dan id-Direttorat u r-riżultat ta’ suċċess tiegħu fejn ġie magħżul bħala success story tal-proġett Mystery Shopper ġie ppubblikat online fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.